Tenishia Thornton ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ġunju.
Il-weightlifter Maltija ta’ 16-il sena, irnexxilha tirbaħ tliet midalji tad-deheb u spiċċat fl-ewwel post ġenerali fil-kategorija tal-55kg tal-Kampjonati Dinjija taż-Żgħażagħ IWF li saru f’Leon, il-Messiku.
Thornton kienet qed tieħu sehem fil-kategorija tal-55 kilogramma fejn irnexxilha terfa’ 78 kilò fis-snatch, 100 kilò fil-clean & jerk għal total ta’ 178 kilò u kisbet rekord ġdid fil-Commonwealth u ieħor nazzjonali.
B’kollox f’din il-kategorija ħadu sehem 17-il atleta minn 13-il pajjiż differenti fosthom l-Eġittu, il-Messiku, l-Awstralja, il-Kanada, il-Kroazja, l-Ekwador, l-Istati Uniti, l-Italja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Indja, New Zealand u Malta.
Tenishia Thornton kienet akkumpanjata mill-kowċ tagħha, Jesmond Caruana, li huwa wkoll il-President tal-Malta Weightlifting Association (MWA).
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ġunju 2022 kif ukoll il-vawċer ta’ abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Tenishia Thornton minn Matthew von Brockdorff Direttur Maniġerjali u Kap Eżekuttvi ta’ Atlas Insurance. L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet irrappreżentata mill-President Sandro Micallef u l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: Mix xellug: Stephen Azzopardi Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, Tenishia Thornton, Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u Kap Eżekuttvi ta’ Atlas Insurance u SandroMicallef President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.
Leave A Comment