Inawgurata l-Wirja Fotografika imtella’ mill-Għaqda Ġurnalisti Sports, bis-sehem ta’ wħud mill-aqwa fotografi sportivi lokali. Din il-wirja qed issir fl-intrata tal-Parlament ta’ Malta fil-Belt Valletta u se tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa 12 ta’ Awissu 2022.
Fil-wirja hemm esibiti madwar 78 ritratt meħuda minn 13-il fotografu, li huma kollha membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Ritratti li jkopru sensiela ta’ dixxiplini u avvenimenti sportivi lokali u internazzjonali ta’ dawn l-aħħar xhur jew snin.
Il-wirja qed tittella’ taħt il-patronċinju tal-Onor. Anġlu Farrugia M.P., Speaker tal-Kamra tad-Deputati u nfetħet uffiċjalment minnu stess, fil-preżenza tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport l-Onor. Graham Bencini, membri tal-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, Charles Camenzuli President tal-AIPS Europe u mistednin oħra distinti. Il-mistieden specjali għall-ftuħ tal-esebizzjoni kien il-fotografu professjonali Tuneżin u membru tal-AIPS Mohamed Fliss.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex iżur din il-wirja fil-Parlament ta’ Malta mit-Tnejn sas-Sibt bejn id-disgħa ta’ filgħodu (9am) u s-sebgħa ta’ filgħaxija (7pm) u fil-Ħdud bejn id-disgħa ta’ filgħodu (9am) u n-nofsiegħa ta’ waranofsinhar (12:30pm).
Leave A Comment