L-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Awwissu mar għand it-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena tal-Water Polo. Din hija t-tielet darba li dan il-premju qed jingħata lil tim minflok atleta individwali.
Iż-żgħażagħ Maltin naqqxu isimhom fl-Istorja bl-ewwel parteċipazzjoni tagħhom fil-Kampjonat Dinji li sar f’Volos fil-Greċja. Huma impressjonaw mhux ftit, meta għelbu lit-tim aktar kwotat tal-Istati Uniti fil-logħba inawgurali bl-iskor ta’ 10-7 u rebħu l-grupp wara li ġabu fix-xejn lill-Każakistan 13-3. Huma ġew minn telfa ta’ 13-8 kontra t-Turkija, meta għelbu lill-Eġittu 8-6 u għaddew għas-semifinali tal-Gold Group, fejn kellhom jerġgħu jaffrontaw lill-Istati Uniti. Minkejja li din id-darba l-Maltin tilfu 10-7, assiguraw ir-raba’ post fil-Gold Group wara li tilfu 9-7 kontra l-Brażil. Xorta waħda dawn ir-riżultati miksuba huma ferm pożittivi u b’hekk il-Maltin temmew dawn l-impenji fit-12-il post fost il-25 pajjiż li ħa sehem minn madwar id-dinja.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Awwissu flimkien ma’ tifkira tal-okkażjoni ġew preżentati lill-plejers kollha tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena minn David Cassar, Business Development & Marketing Manager ta’ Atlas Insurance. Stephen Azzopardi Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kien preżenti wkoll għall-preżentazzjoni.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: It-Tim Nazzjonali Malti tal-Water Polo ta’ taħt is-16-il sena ma’ Anthony Farrugia (Coach), Rita Azzopardi (Aquatic Sports Association of Malta) Stephen Azzopardi (Malta Sports Journalists Association), u David Cassar (Atlas Insurance).
Leave A Comment