Francesca Clark ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Frar.

Matul ix-xahar ta’ Frar, Clark li għandha 17-il sena, rebħet għat-tielet darba it-Triple Crown meta rebħet fis-Singles u fid-Doubles tan-Nisa kif ukoll fil-Mixed Doubles waqt il-Kampjonati Nazzjonali organizzati minn Badminton Malta.

Fuq livell internazzjonali hija kisbet riżultati tajbin fil-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-Juniors u tas-Seniors. Fl-iSlovak Junior hija waslet mal-aħħar sittax fid-doubles tan-nisa u rebħet il-bronz fl-U17 Portugal Open. Fil-Yonex Israel Open hija waslet sas-semifinali flimkiem ma’ Sam Cassar fil-Mixed Doubles.

Francesca Clark ilha tilgħab il-badminton għall-aktar minn tmien snin u fil-passat rebħet diversi titli.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Frar 2023 flimkien mal-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Francesca Clark minn Robert Micallef, Uffiċjal Kap Kummerċjali ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Mix-xellug: Stephen Azzopardi, Amministratur (MSJA), Francesca Clark u Robert Micallef, Uffiċjal Kap Kummerċjali (Atlas Insurance).