Imniedi l-IZIBET Elite Athlete Award
National Lottery plc, f’kolaborazzjoni mal-Għaqda Ġuranlsti Sports, ħabbret unur ġdid li se jibda jingħata lill-atleti Maltin kull xahrejn.
L-għan ewlieni tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali għax-xhur ta’ Jannar–Frar, Marzu-April, Mejju-Ġunju, Lulju–Awissu, Settembru-Ottubru, u Novembru–Diċembru.
Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur imsemmija aktar qabel u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.
L-ewwel unur li se jkopri x-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2023, ingħata lit-tiratur tat-Trap Gianluca Chetcuti. Dan it-tiratur kiser ir-rekord nazzjonali meta laqat 124 minn 125 platina fit-Trap Event, waqt il-European Games 2023, li saru fil-Wroclaw Shooting Centre fil-Polonja, bejn il-21 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju li għadda. Chetcuti kien ikkwalifika għal dawn il-European Games, bis-suċċess li kien kiseb f’Marzu, fl-ISSF World Cup f’Doha, fil-Qatar, fejn laqat 122 minn 125 plattina fit-Trap Event u sar l-ewwel tiratur Malti li wasal fil-finali ta’ kompetizzjoni ta’ dan il-livell. Huwa ħa sehem ukoll fil-bidu ta’ Mejju, fl-ISSF World Cup li kienet saret fil-Kajr, l-Eġittu u laqat 114 minn 125 plattina fit-Trap Event u spiċċa fl 34 post minn 120 tiratur.
Franco De Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ National Lottery plc, irrimarka l-importanza li l-kumpanija tati lill-isports permezz tal-corporate social responsibility programme. National Lottery plc bi pjaċir testendi l-ħidma tagħha flimkien mal-Għaqda Ġuranlisti Sports u tibqa’ tappoġja lil din l-assoċjazzjoni li taħdem bla heda għall-ġid tal-isport f’pajjiżna. Permezz ta’ din il-kolaborazzjoni ġdida, National Lottery plc tkompli turi l-impenn tagħha lejn l-isport lokali u tapprezza l-kisbiet tal-atleti lokali anki barra minn xtutna. Dan l-unur, għandu jgħin sabiex titqajjem kuxjenza fost dawk li jsegwu l-isport lokali, għas-sagrifiċji kollha li jġibu magħhom kompetizzjonijiet internazzjonali.
De Gabriele qal, “Aħna ninsabu kburin li qednissieħbu mal-Għaqda Ġurnalisti Sports sabiex iniedu dan il-premju prestiġjuż. Meta nagħrfu l-isforzi li jsiru mill-atleti lokali, inkunu qed ninkoraġixxu lil dawn l-istess atleti biex ikomplu jtejjbu l-prestazzjonijiet tagħhom fid-dixxiplini rispettivi tagħhom. Bħala kumpanija nemmnu li l-ħidma u s-suċċessi miksuba minnhom jservu ta’ motivazzjoni fil-karriera sportiva tagħhom. Nittamaw ukoll li tiżdied il-kburija tagħna bħla Maltin fil-komunità sportva lokali”.
Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-impenn ta’ National Lottery li tkompli tinvesti fl-isport.
Micallef ikkumenta, “Jiena ninsab ferm sodisfatt li kumpanija rispettabli bħal National Lottery bil-prodott tagħha IZIBET, qablet li tniedi l-Elite Athlete Award flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Inizjattiva bħal din tkompli tappoġja lill-atleti Maltin għas-sagrifiċji li jagħmlu sabiex jiksbu s-suċessi lokalment u internazzjonalment “.
Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/.
Leave A Comment