Il-Board tad-Diretturi tal-Public Broadcasting Services immexxi miċ-Chairman Tonio Portughese iltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius u mal-ogħla uffiċjali tal-SportMalta.
Il-Laqgħa saret ftit jiem biss wara li ġiet organizzata edizzjoni oħra ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali liema serata kienet imxandra b’mod dirett fuq TVM2.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll l-uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti rapreżentati mill-President Charles Camenzuli kif ukoll ir-rebbieħa tal-unuri prinċipali tas-serata.
F’Kelmtjen tal-okkażjoni ċ-Chairman tal-PBS Tonio Porthughese qal li t-trasmissjonijiet ta’ avvenimenti u programazzjoni sportivi huma wieħed mill-pilastri prinċipali tal-kumpanija u kien għalhekk li l-PBS reġa’ offra s-servizzi tiegħu ta’ produzzjoni kif ukoll l-istazzjon TVM2 sabiex tixxandar din is-serata minħabba l-fatt li l-Management tal-kumpanija jemmen li l-isport għandu jibqa’ jingħata l-importanza massima. Dott Portughese faħħar l-inizjattiva tas-Segretarjat responsabbli mill-Isport li ġab taħt kappa waħda lill-SportMalta u lil Għaqda Ġurnalisti Sports sabiex jorganizzaw avveniment prinċipali wieħed flimkien fil-kalendarju sportiv lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius min naħa tiegħu rringrazzja lill-Public Broadcasting Services tal-għajnuna li ta sabiex l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Sport Malta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali reġgħu kienu ta’ suċċess. Hu qal li japprezza l-fatt li l-istazzjonijiet Nazzjonali jgħinu lill-Isport lokali permezz ta’ trasmissjonijiet u produzzjonijiet ta’ programmi varji sportivi.
Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Charles Camenzuli faħħar l-amalgamazzjoni bejn Sport Malta, s-Segretarjat Parlamentari u l-media sportiva fejn iddeskrivha bħala waħda ta’ suċċess bil-fatti. Hu awgura li din l-amalgamazzjoni tibqa’ tiġedded hekk kif awgura li jiġedded il-ftehim eżistenti mal-PBS għas-servizz tekniku u t-trasmissjoni tal-avveniment ta’ rikonoxximent nazzjonali bħal ma huma l-Isport Malta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali.
Mark Cutajar Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta waqt il-laqgħa ta ħarsa ħafifa lejn ix-xogħol ta’ Sport Malta u antiċipa li Sport Malta u l-PBS qed jikunsidraw li jaħdmu flimkien ukoll sabiex il-Forum Nazzjonali tal-Isport li se jsir f’April ikun imxandar fuq l-istazzjonijiet tal-PBS.
Preżenti għal laqgħa kien hemm ukoll iċ-Chairman ta’ Sport Malta Dr Luciano Busuttil.