National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, bi pjaċir iħabbru li Gianluca Barbara rebaħ l-ewwel unur tal-IZIBET Elite Athlete Award li jkopri x-xhur ta’ Jannar u Frar 2024.

Gianluca Barabara li għandu 34 sena, jagħmel parti mit-tim lokali Iron Taekwondo League li ħa sehem fl-Open de Liege fi Frar li għadda. B’kollox ħadu sehem 700 atleta. Fil-kategorija tal-Masters tat-80 kg, Barbara rebaħ il-midalja tad-deheb kontra l-Olandiż Norman Hornberger u b’hekk kiseb it-tieni midalja tad-deheb internazzjonali konsekuttiva.

“Huwa ta’ pjaċir kbir għalina li qed nappoġġaw l-atleti Maltin li qed ifittxu li jiksbu l-eċċelenza fid-dixxiplina rispettiva taggħhom,“ qal Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ IZI Group. “Is-suċċess mkisub minn Gianluca Barbara f’din il-kompetizzjoni hija biss qatra f’oċean! Hemm bżonn li jiġu apprezzati u megħjuna l-isforzi kontinwi li jwasslu għar-riżultati miksuba. Nawguraw lil Gianluca Barbara aktar suċċess fil-futur u li jkompli jkun ta’ ispirazzjoni għall-atleti l-oħra.”

Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Sandro Micallef qal, “Huwa ta’ sodisfazzjon illi bħala Għaqda Ġurnalisti Sport naraw atleta minn dixxiplina sportiva emerġenti illi jirbaħ dan l-unur. Dan l-unur mhux biss huwa sinjal ta’ miljorament tal-atleta nnifsu, Gianluca Barbara, iżda wkoll jirrifletti l-ħidma li qed issir lokalment mill-Federazzjoni Maltija tat-Taekwondo.”

Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.

Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.

Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com

Ritratt: (Mix-xellug) Lorraine Cunningham, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, Gianluca Barbara, James Morgan, Brand Manager ta’ IZI Group plc u Stephen Azzopardi, Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.