Qormi Daikin rebħu s-Super Cup tal-Hockey meta fil-finali għelbu lil Trust Payments Floriana Young Stars 3-1.

Kienet logħba ferm sabiħa u emozzjonanti biż-żewġ naħat viċin xulxin fl-ewwel tliet quarters sabiex fl-aħħar sbatax-il minuta u nofs kienu l-Qriema li skorjaw żewġ gowls importanti li bihom ħadu t-tazza.

Daniel Ellul kien poġġa lil Qormi Daikin minn fuq fl-ewwel quarter bi Floriana jirrispondu immedjatament permezz ta’ Anton Saliba.

Fit-tieni u t-tielet quarter ma sar ebda gowl sabiex fir-raba’ quarter, Qormi skorjaw żewġ gowls li għenuhom jirbħu din il-partita.
Juan Sarcia skorja t-tieni gowl b’Luke Bajada li minn kontrattakk għamilhom 3-1.

Fi tmiem il-konfront setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Qormi Daikin li laħqu l-qofol tagħhom mal-preżentazzjoni tat-tazza minn Robert Busuttil, membru fil-kumitat eżekuttiv fi ħdan l-Għaqda Ġurnalisti Sport lill-plejer ta’ Qormi Nathan Pace Gasan.