Anthony Borg (Għawm) u Alex Degabriele (Tennis) huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju 2024.

Anthony Borg li ghandu 17-il sena, għam id-distanza ta’ 37 kilometru madwar Għawdex fi ftit anqas minn 12-il siegħa. B’hekk Anthony sar l-iżgħar għawwiem li qatt għamel din l-għawma fuq distanza fit-tul.

Min-naħa l-oħra Alex Degabriele li għandu 20 sena, rebaħ il-kompetizzjoni tal-15k tad-doubles organizzata mill-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis (ITF), f’Monastir, fit-Tuneżija, flimkien mal-Marokkin Youness Lalami Laaroussi. Alex u Youness kellhom ġimgħa sħiħa impenjattiva kontra avversarji ferm ikkwotati fir-ranking tat-tennis. Għaldaqstant huma kienu determinati li jirbħu dan it-titlu prestiġġjuż. Alex ħa sehem f’dan l-ITF Pro Circuit, waqt il-waqfa li kellu mill-impenji tiegħu fin-North Carolina Willington University, fl-Istati Uniti.

Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lil Anthony Borg saret minn Matthew von Brockdorff Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Atlas Insurance, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi. Il-preżentazzjoni lil Alex Degabriele se ssir aktar tard din is-sena meta jirritorna lura Malta.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/

Ritratt: Mix-xellug: Stephen Azzopardi (Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports), Anthony Borg, Matthew von Brockdorff (Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Atlas Insurance) u Robert Micallef (Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance).