Kollox jinsab lest sabiex is-Sibt fit-Tottenham Hotspur Stadium tintlagħab l-ewwel edizzjoni tal-VisitMalta Cup li ser tlaqqa’ lil Tottenham Hotspur u lit-tim Ġermaniż ta’ Bayern Munich.

Kien propju f’Marzu li għadda li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħabbret li kienet waslet fi ftehim mal-klabb Ingliż ta’ Tottenham Hotspur sabiex għall-ewwel darba tiġi organizzata l-VisitMalta Cup. L-għan ewlieni ta’ din it-tazza huwa li jkompli jiġi ġġenerat aktar turiżmu sportiv kemm mir-Renju Unit kif ukoll minn pajjiżi oħra.

Preżenti f’Londra, lejlet il-partita bejn Tottenham u Bayern Munich, it-tmexxija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bil-Kap Eżekkutiv Carlo Micallef isostni li l-għan aħħari huwa li tintuża l-logħba tal-futbol sabiex jiġu attirati aktar turisti ta’ kwalità lejn Malta speċjalment fix-xhur tax-xitwa. Micallef sostna li l-emozzjonijiet li toffri l-logħba tal-futbol iwasslu għall-udjenzi u viżibilta qawwija tal-prodott Malti f’kull età.

Il-partita bejn Tottenham Hotspur u Bayern Munich hija l-aħħar partita ta’ ħbiberija għaż-żewġ timijiet qabel il-bidu tal-kampjonati domestiċi.

Fil-fatt l-ewwel impenn uffiċjali ta’ Tottenham Hotspur fil-Kampjonat Premier Ingliż ikun nhar it-Tnejn 19 ta’ Awwissu, meta fil-21.00 jilagħbu barra minn darhom għand Leicester City filwaqt li Bayern Munich jiftħu uffiċjalment l-istaġun f’partita mit-tazza domestika DFP Pokal kontra t-tim mill-Bundesliga 2 SSV Ulm 1846.

Il-partita bejn Tottenham u Bayern Munich se tfisser ukoll ir-ritorn għall-ewwel darba fit-Tottenham Hotspur Stadium tal-captain Ingliż Harry Kane, li kien ingħaqad ma’ Bayern Munich mingħand l-istess Tottenham bħal dan iż-żmien sena. Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ klabbs hija meqjusa bħala waħda tajba hekk kif Kane mhuwiex l-uniku plejer li ġie trasferit bejn iż-żewġ klabbs.

Mingħajr dubju kemm il-kowċ Grieg ta’ Tottenham Hotspur Ange Postecoglou u l-kowċ Belġjan ta’ Bayern Munich Vincent Kompany se jużaw il-partita ta’ bejniethom sabiex jirfinaw lit-tim qabel il-bidu ta’ staġun twil u impenjattiv.

VisitMalta Cup is-Sibt 10 ta’ Awwissu fis-sitta u nofs ta’ waranofsinhar (ħin ta’ Malta) bejn Tottenham Hotspur u Bayern Munich.