Wara li rebħet l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ottubru, il-weightlifter żagħżugħa Tenishia Thornton rebħet l-Atlas Atleta Żagħżugħa tas-Sena 2024.
Din hija t-tielet darba għal Tenishia Thornton wara li li rebħet l-ewwel unur annwali li kien fis-sena 2020 u l-unur annwali tal-2023. B’hekk dan l-unur attwali u prestiġġjuż wasal wara votazzjoni minn panel ta’ tliet ġurnalisti mħallta mal-votazzjoni tal-pubbliku, li saret online matul dawn l-aħħar ġimgħat. Fit-tieni post overall ġew id-duo tal-Blackball Jake Castaldi u Dielyn Edwards segwiti mill-baħħara żagħżugħa Katrina Micallef.
Tenishia Thornton li għandha 19-il sena, ġiet inkurunata bħala Champion Ewropea fil-European Junior Championships li saru f’Varsavja, fil-Polonja.
Thornton bdiet bi Snatch impressjonanti ta’ 86 kilogramma u wettqet b’suċċess l-aħħar refa’ ta’ 89 kilogramma. Fil-Clean and Jerk, Thornton kellha sfida akbar, meta bdiet b’refa’ ta’ 107 kilogrammi, meta hi immirat għall-110 kilogramma, hekk kif falliet fil-Jerk. Madanakollu fl-aħħar tentattiv tagħha hija kellha refa’ spettakolari ta’ 112-il kilogramma! B’hekk Tenishia Thornton mhux biss aċċertat postha fil-quċċata imma kisbet record nazzjonali. Thornton kellha total ta’ 201 kilogramma u għaddiet lir-reffiegħa Spanjola li kellha 194 kilogramma u dik tar-Rumanija li kellha total ta’ 196 kilogramma.
Il-preżentazzjoni uffiċjali ta’ dan it-trofew annwali u l-voucher ta’ abiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju lil Tenishia Thornton saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Intant, Atlas Insurance ikkonfermaw li se jġeddu l-ftehim marbut ma’ din l-inizjattiva mal-Għaqda Ġħaqda Ġurnalisti Sports għal sena oħra.
Dawn il-premji ta’ kull xahar u dak ta’ darba f’sena jingħataw b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena. Ir-rebbieħa ta’ kull xahar huma eliġibli għall-premju annwali.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: Mix–xellug: Stephen Azzopardi Amministatur (MSJA), Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali (MSJA), Tenishia Thornton, Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO (Atlas Insurance) u Robert Micallef, Chief Commercial Officer (Atlas Insurance).
Leave A Comment