L-Għaqda Ġurnalsti Sport flimkien ma’ Atlas Insurance se tkompli l-kollaborazzjoni eżistenti għall-premijiet tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar sabex għal sena oħra jiġu rikonoxxuti l-atleti żgħażagħ Maltin.

Sa mill-bidu tagħha f’Jannar tal-2020, din l-inizjattiva kibret biex saret avveniment prominenti fix-xena sportiva lokali u ġiet imsaħħa aktar bl-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tas-Sena. S’issa, ngħataw 72 premju mifruxin fuq 27 dixxiplina sportiva differenti. B’din l-inizjattiva ġew rikonoxxuti 61 atleta individwali u 11-il tim, kif ukoll ġew ippreżentati 5 premjijiet annwali.

Matthew von Brockdorff, CEO u Managing Director ta’ Atlas Insurance, esprima l-entużjażmu tiegħu għal din il-kollaborazzjoni kontinwa mal-Għaqda Ġurnalisti Sport u żied jgħid: “Billi nirrikonoxxu dawn iż-żgħażagħ, nispirawhom biex ikomplu jipparteċipaw fl-isport kompetittiv u nrawmu ġenerazzjoni ta’ eżempji pożittivi. F’Atlas Insurance, inħossuna onorati li nkomplu nappoġġjaw din l-inizjattiva, billi nsaħħu l-impenn tagħna lejn l-iżvilupp u l-benesseri taż-żgħażagħ u tas-soċjetà inġenerali.”

Clinton Buhagiar, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport, qal: “Jien sodisfatt ħafna li għal sena oħra se nkunu qed naħdmu mill-qrib ma’ Atlas Insurance biex inkomplu nippremjaw l-atleti futuri tagħna. Din il-kollaborazzjoni bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sport u Atlas Insurance issa se tidħol fis-sitt sena tagħha, u bħala assoċjazzjoni, aħna grati għall-fiduċja li Atlas għandha fina. Nistennew bil-ħerqa li nkomplu naħdmu flimkien ma’ Atlas sabiex matul din is-sena nerġgħu nippremjaw lill-atleti żgħażagħ li jispikkaw matul l-2025.”

Il-premijiet tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar jingħataw sabiex jiċċelebraw u jrawmu d-determinazzjoni tal-atleti żgħażagħ f’kull dixxiplina sportiva. B’impenn li jiġu rikonoxxuti l-isforz u l-eċċellenza f’kull livell, il-premju ġie estiż is-sena li għaddiet biex jonora żewġ atleti kull xahar—wieħed għas-suċċessi miksuba lokalment u l-ieħor għas-suċċessi miksuba fix-xena internazzjonali. B’hekk kull kisba sportiva tiġi rikonoxxuta u jkompli jingħata s-sapport liż-żgħażagħ fl-isport.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com.

Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sport li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: (mix-xellug) Stephen Azzopardi, Amministratur u Lorraine Cunningham, Segretarju Ġenerali (GħĠS), Matthew von Brockdorff, Managing Director & CEO u Robert Micallef, Chief Commercial Officer (Atlas Insurance).