Is-Sibt filgħaxija waqt xandira diretta fuq TVMsport+ u l-paġna ta’ Facebook tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, tħabbru r-rebbieħa tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali. Il-65 edizzjoni bdiet bir-Red Carpet ippreżentat minn Joanna Camilleri u l-Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Stephen Azzopardi.

Saru diskorsi qosra tal-okkażjoni mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni l-Onor Clifton Grima u l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) Clinton Buhagiar Preżenti wkoll il-mistieden speċjali internazzjonali Esteban Herrault u l-Presidenti Onorarji Fr Hilary Tagliaferro, Charles Camenzuli li huwa wkoll il-President tal-AIPS Europe u Sandro Micallef.

Għal darb’oħra tliet ġurnalisti sportivi veterani ġew inklużi fil-Hall of Fame tal-Għaqda Ġurnalisti Sports: l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Kittieba Sports Joe Cutajar,  il-mibki Colin Cauchi u Mario Saliba li għadu attiv fil-media sportiva lokali.

Din is-serata kienet organizzata mill-Għaqda Ġurnalisti Sports, bl-appoġġ sħiħ tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.

Waqt din is-serata finali li kienet ippreżentata mis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Lorraine Cunningham u Mario Bonnici ġew mqassma 12-il unur; b’sebgħa fuq votazzjoni tal-ġurija, il-People’s Choice Award fuq vot popolari tal-pubbliku, l-Avveniment Internazzjonali tas-Sena u l-iSport for Social Change Award magħżula mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u tnejn fuq suġġeriment ta’ Special Olympics Malta.

L-unuri kollha mqassma kienu dawn:

Sportiv tas-Sena – Neil Agius (Għawm Open Water)

Sportiva tas-Sena – Tenishia Thornton (Weightlifting)

Żagħżugħ tas-Sena – Jake Castaldi (Pool)

Żagħżugħa tas-Sena – Kim Camilleri Laganà (Weightlifting)

Kowċ tas-Sena – Milan Ćirović (Water Polo)

Uffiċjal tas-Sena – Karl Izzo (ASA)

Tim tas-Sena – Tim Nazzjonali tal-Pool U18 li ħadu sehem fil-Kampjonati tad-Dinja

People’s Choice Award – Gianluca Chetcuti (Sparar Trap)

Attività Internazzjonali tas-Sena – Final 4 European Water Polo Champions League (ASA)

Sport for Social Change Award – Ħamrun Ħanin

Special Olympics Atleta Raġel – Alec Falzon (Atletika)

Special Olympics Atleta Mara – Maria James (Għawm)

Hall of Fame – Joe Cutajar, Colin Cauchi u Mario Saliba