Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kellu laqgħa uffiċjali mal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isport Ryan Callus fejn ġew diskussi diversi temi li jitrattaw l-Isport f’pajjiżna. 
 
Ryan Callus filwaqt li faħħar il-ħidma tal-Għaqda Ġurnalisti Sports faħħar u awgura wkoll lill-ġurnalisti kollha li jirraportaw l-isport li jaħdmu f’din il-professjoni tant importanti sabiex titkattar aktar il-kultura sportiva f’pajjiżna.
 
Il-Kelliem tal-Opożizzjoni emfażizza fuq l-importanza ta’ Sport nadif u għamel aċċenn għall-Liġi dwar il-Korruzzjoni fl-Isport li bdiet tiġi diskussa fil-Parlament ftit tal-jiem ilu u liema dibattitu fuqha se jkompli malli jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament wara l-festi tal-Għid.
 
Ryan Callus semma li hu personali fi ħdan il-Board tal-Gvernaturi tal-Awtorita’ tal-Artijiet f’isem l-Opoożizzjoni vvota favur id-deċiżjoni li l-Għaqda Ġurnalisti Sports tingħata binja fil-Belt Valletta sabiex din eventwalment tkun żviluppata f’Mużew tal-Isport. Tenna jgħid li l-isport għandu jkun mezz li jgħaqqadna bħala poplu fejn nwarrbu l-partiġġjaniżmu sabiex naħdmu flimkien għal rizultati tajbin. 
 
Sandro Micallef President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports filwaqt li awgura li r-relazzjoni mal-Partit Nazzjonalista tkompli tisaħħaħ fuq ir-relazzjoni li mbniet matul l-aħħar snin,elenka wkoll it-tliet proposti li l-Għaqda Ġurnalisti Sports qed tressaq b’mod uffiċjali lill-Gvern u lill-Opożizzjoni, liema proposti jekk ikunu attwati, l-Isport f’pajjiżna jista’ jieħu dimensjoni oħra u jitla’ aktar ‘il fuq fl-aġenda tal-pajjiż.
 
It-Tliet proposti tal-Għaqda Ġurnalisti Sports huma:
 
1. Il-Partiti Politiċi għandhom iwedgħu fil-programm elettorali tagħhom qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, li l-Isport jitla’ f’livell ta’ Ministeru u ma’ jibqax fuq livell ta’ Segretarjat Parlamentari.
 
2. Il-Gvern permezz ta’ SportMalta għandu jidentifika 10 Assoċjazzjonijiet Sportivi hekk meqjusa bħala ‘organizzati tajjeb’ u li l-Isport tagħhom jista’ fil-futur qarib jikseb riżultati tanġibbli fix-xena internazzjonali u jassenjalhom permezz ta’ secondment, persuna li jaħdem fiċ-ċivil u dan ikun l-Amministratur full time tal-Assoċjazzjoni. Dan għandu jsir wara sejħa interna fiċ-ċivil  bil-kundizzjoni li l-ħaddiem jerġa’ lura fil-grad oriġinali tiegħu jekk jiddeċidi li jieqaf jaħdem mal-Assoċjazzjoni.
 
3. Il-Gvern ikompli iżied il-budget għall-Isport għall-assistenza diretta lill-atleti b’miljun ewro fis-sena fuq medda ta’ ħames snin u ż-żieda fil-vot tkun irrispettivament jekk f’dik is-sena partikolari jkunx hemm kompetizzjoni internazzjonali bħal Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar eċċ. Fil-Budget li jressaq il-Gvern ta’ kull sena għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-vot għall-proġetti kapitali bħal faċilitajiet sportivi u l-vot li jmur direttament għall-assistenza u għat-taħriġ tal-atleti Elite.
 
Id-delegazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet immexxija mill-President Sandro Micallef filwaqt li s-Sur Callus kellu jakkumpanjawh lil diversi membri ta’ Team Sport PN.
 

Iktar ritratti minn fuq il-paġna ta’ facebook: