Photo PresserL-Għaqda Ġurnalisti Sports bħala l-unika assocjazzjoni tal-media f’Malta u minn din is-sena hija waħidha responsabbli mill-organizazzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali ħabbret ufficjalment il-finalisti għall-53 Edizzjoni ta’ dawn l-Għażliet.

Il-finalisti tħabbru mill-vici-President tal-GħGS Mario Bonnici li kien wkoll responsabbli mill-Bord tal-għazla fejn huwa ta dettalji dwar il-mod kif saret l-għażla u li għall-ewwel darba l-edituri u ko-ordinaturi ta’ programmi tal-isport taw il-vot tagħhom. Infatti għall-ewwel darba il-voti miksuba fis-semi finali ġew wkoll ippubblikati fejn fil-passat kienu biss jitħabbru l-ismijiet tal-finalisti.

Tħabbar wkoll illi għall-ewwel darba se jingħażel l-Aħjar Atleta f’Għawdex.

Dakinhar tas-serata ta’premjazzjoni se jingħata wkoll rikonoxximent lil atleta bi bżonnijiet specjali kif wkoll rikonoxximent għal attivita’ internazzjonali organizzata matul l-2013 u rikonoxximent lil dak il-ġurnalist membru li matul il-karriera għen fl-iżvilupp tal-media u l-isport Malti.

Charles Camenzuli ,President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports filwaqt li ta’ rendikont ta’ dak li seħħ minn meta l-GħGS reggħet kisbet l-identita’ sħiħa tagħha fl-organizazzjoni, rringrazzja lil dawk l-azjendi u entitajiet illi raw u fehmu l-ħtieġa li jgħatu l-appoġġ tagħhom għal attivita’ nazzjonali li ilha ssir għal dawn l-aħħar 53 sena. Daqstant ieħor huwa pozittiv il-mod kif il-ġurnalisti membri tal-GħĠS u l-għaqdiet nazzjonali tal-isport qed iħarsu b’interess lejn dawn l-Għażliet li rritornaw fir-rwol oriġinali tagħhom.

Preżenti għal laqgħa mal-ġurnalisti Dr Jannis Katakis u Vasileios Kasiotakis, CEO u Direttur Ġenerali ta’ Maltco Lotteries rispettivament fejn filwaqt illi tennew l-appoġġ sħiħ ta’ Maltco Lotteries kkonfermaw illi U*Bet se jkunu l-isponsors ewlenin tal-edizzjoni 2013 ta’ dawn l-Għazliet konvinti wkoll mill-mod professjonali li hemm wara l-organizazzjoni ta’ dawn l-Għażliet u l-importanza li għandhom fil-qafas tal-isport Malti.

Il-President tal-GħGS ħabbar wkoll illi għall-Edizzjoni 2013 tal-U*Bet Għażliet Sportivi Nazzjonali biex tinżamm it-tradizzjoni li bdiet għaxar snin ilu mill-istess GħĠS li jinġieb Malta personalita’ sportiva ta’ fama internazzjonali , permezz tal-koperazzjoni mal-fondazzjoni Mille Culure, se jinġieb Malta ir-rebbieħ tal-medalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Mosca 1980, il-boxer Taljan Patrizio Oliva.

Sandro Micallef, Segretarju Ġenerali tal-GħĠS ta’ dettalji dwar is-serata finali ta’ premjazzjoni li se ssir fil-31 ta’ Jannar fil-Lukanda le Meridien, San Ġiljan.

More photos on this link: https://www.facebook.com/maltasportsjournalistsassocation/posts/645886988803202