L-għawwiema ta’ 15 -il sena ta’ Sirens ASC Sasha Gatt rebħet l-unur tal-Atlas Żagħżyugħa tax-xahar għal Awwissu 2020. Gatt intgħażlet bħala r-rebbieħa ta’ dan l-unur wara r-riżultati li kisbet f’kompetizzjoni loklali u anke internazzjonali matul dan ix-xhar.
Gatt bdiet tgħum fl-eta’ ta’ seba’ snin u gradwalment bdiet tirreġistra riżultati tajba. Ta’ tmien snin rebħet l-ewwel midalja tagħha fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Juniors u sena wara rebħet midalja fl-ewwel esperejenza tagħha internazzjonali fil-kompetizzjoni Kaos V.Trofeo fi Sqallija. Hi kienet intgħażlet sabiex tieħu sehem fil-COJI Games fis-sena 2018, fejn hemm rebħet tliet midalji tal-bronż.
L-ewwel National Short Course Record, għamlitu ta’ 13 -il sena fit-800m freestyle fl-Opera Swim Classics Short Course Meet li kien sar fis-26ta’ Ottubru f’Wuppertal, il-Ġermanja f’ħin ta’ 09.21:90.
Ix-xahar ta’ Awwissu 2020 ra lil Gatt iżied fuq il-wirjiet u r-riżultati preċedenti tagħha sabiex f’kompetizzjoni internazzjonali fl-Islovenja hi kisret l-Age Group D Record fil-200m Freestyle meta waqqfet l-arloġġ f’ħin ta’ 2:09,72 f’din il-kompetizzjoni li saret fl-Olympic Pool ta’ Ravne. Ir-rekord preċedenti kien ta’ 2:09,74 imwaqqaf minn Francesca Falzon Young f’Lulju tas-sena 2016.
Waqt l-istess kompetizzjoni fit-2 ta’ Awwissu Sasha Gatt kisret ukoll in-National Record u l-Age Group D rekord fl-1500m Freestyle meta waqqfet l-arloġġ f’ħin ta’ 17:26,96. Ir-rekord preċedenti f’din l-Age Group kien vakanti iżda r-rekord Nazzjonali li kisret dakinhar kien tagħha stess ta’ 17:57,71 li kienet għamlitu f’Novembru tas-sena 2019.
Ix-xahar straordinarju ta’ Gatt kien konfermat ukoll b’rekord addizzjonali waqt it-tieni Swimming Festival tal-ASA fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq meta ġimgħa wara hi reġgħet tejbet ir-rekord tagħha stess ta’ ġimgħa qabel li għamlet fl-Islovenja fil-200m Freestyle fl-Age Group D f’ħin ta’ 02:08,37.
Dan kien it-tmien unur li ingħata lill-atleta żagħżugħ lokali f’din l-inizjativa konġunta bejn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tirrikonoxxi s-sagrifiċċji li jagħmlu l-atleti żgħażagħ u tinkoraġġihom biex jibqgħu jittrenjaw b’serjeta’ fid-dixxiplini rispettivi tagħhom.
Ir-rebbieħa tax-xhur preċedenti ta’ dan l-unur kienu:
Rachela Pace (Atletika) – Jannar 2020, Dejan Grech (Pool) – Frar 2020, Tenishia Thornton (Weightlifting) – Marzu 2020, Jake Vella (Swimming) – April 2020, Thomas Borg (Para swimming) – Mejju 2020, Matthew Magro (Tenpin Bowling) – Ġunju 2020 u Richard Shulthies (Ibburdjar) Lulju 2020.
Ta’ kull xahar l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance tistieden atleti ta’ taħt il-21 sena, l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet tagħhom sabiex jissottomettu nominazzjonijiet għal dan l-unur. Nominazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-email fuq info@maltasportsjournalists.com.
It-trofew ta’ Lulju tal-Atlas Żagħżugħa tax-Xahar flimkien mal-voucher ta’ abbiljament sportiv li hu abbinat ma’ dan l-unur dan ix-xahar kien ippreżentat lil Gatt minn David Cassar Manager Business Development and Marketing ta’ Atlas Insurance. Sandro Micallef u Lorraine Cunnigham President u Segretarju Ġenerali rispettivament tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienu wkoll preżenti.
Leave A Comment