It-Tenpin Bowler żagħżugħ Kayden Lagana ġie magħżul bħala r-rebbieħ tal-unur tal-Atlas Żagħżugħ tax-Xahar għal Settembru. Lagana tul dan ix-xahar sar l-iżgħar Tenpin bowler f’Malta li rreġistrat l-ogħla punteġġ fl-ogħla diviżjoni f’kompetizzjoni Nazzjonali tal-MTBA. Punteġġ ta’ series ta’ ‘l fuq min 600 hija xi ħaġa li kull Tenpin bowler jaspira li jagħmel u Lagana irnexxielu jisboq dan it-tragward b’6 series ‘il fuq minn 600. Filfatt fil-kompetizzjoni Doubles League hu rnexxielu jikseb il-punteġġ ta’ 680 u kiser ir-rekord ta’ punteġġ tiegħu stess permezz ta’ pin waħda, rekord li kien għamel ix-xahar ta’ qabel. Issa Lagana kiser il-rekord tal-kull kategorija tal-Youths sa 18 -il sena b’series ta’ iktar minn 675. Dan hu riżultat impressjonanti għal Lagana li għad għandu biss 12 -il sena.

Riżultat prestiġjuż ieħor għal Lagana matul Settembru kien fis-17 tax-xahar meta b’series ta’ 637 għamel perjodu ta’ ġimgħa bħala l-plejer bl-ogħla punteġġ fl-ewwel diviżjoni u kien qed jissupera fil-klassifika lit-Tenpin bowlers ta’ iktar esperejenza bħal Mauro Anastasi, Mark Spiteri u Matthew Magro.

Dan kien id-disa’ unur li ingħata lill-atleta żagħżugħ lokali f’din l-inizjativa konġunta bejn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tirrikonoxxi s-sagrifiċċji li jagħmlu l-atleti żgħażagħ u tinkoraġġihom biex jibqgħu jittrenjaw b’serjeta’ fid-dixxiplini rispettivi tagħhom.

Ir-rebbieħa tax-xhur preċedenti ta’ dan l-unur kienu:
Sacha Gatt (Għawm) Awwissu 2020, Richard Shulthies (Ibburdjar) Lulju 2020, Matthew Magro (Tenpin Bowling) Ġunju 2020, Thomas Borg (Għawm Paralimpiku) Mejju 2020, Jake Vella (Għawm) April 2020, Tenishia Thornton (Weightlifting) Marzu 2020,  Dejan Grech (Pool) Frar 2020, Rachela Pace (Atletika)  Jannar 2020,

Ta’ kull xahar l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance tistieden atleti ta’ taħt il-21 sena, l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet tagħhom sabiex jissottomettu nominazzjonijiet għal dan l-unur. Nominazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-email fuq info@maltasportsjournalists.com.

It-trofew ta’ Settembru tal-Atlas Żagħżugħ tax-Xahar flimkien mal-voucher ta’ abbiljament sportiv li hu abbinat ma’ dan l-unur dan ix-xahar kienu ippreżentati lil Kayden Lagana minn Matthew von Brockdorff Chief Executive Officer ta’ Atlas Insurance. Sandro Micallef u Lorraine Cunnigham President u Segretarju Ġenerali rispettivament tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienu wkoll preżenti.