Il-ġurnalist sportiv u membru tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Antvin Monseigneur ipprezenta donazzjoni ta’ €1,000 lill-plejer ta’ Marsa FC Patrick Maia. Il-plejer beda kampanja biex jiġbor fondi sabiex it-tifel tiegħu Luca ta’ sena u 8 xhur jingħata l-kura meħtiega għall-marda tal-kanċer f’Malta u dalwaqt barra minn Malta. Monseigneur poġġa diversi oġġetti bħal memorabilia sportiva għall-irkant fosthom flokkijket tat-tim nazzjonali taljan iffirmati. Ma’ din is-somma kien hemm xi donazzjonijiet ta’ ħbieb personali tal-ġurnalist sportiv li wkoll għenu f’din l-inizjattiva.
 
F’kumment li ta Monseigneur qal li hu se jibqa’ għaddej bil-ġbir bil-għan li jinġabru aktar fondi fejn għadhom qed jintlaqgħu offerti għall-mini moto replica tal-mutur ta’ Valentino Rossi, beritta iffirmata mill-istess leġġenda u flokk tat-tim nazzjonali taljan iffirmat minn Pirlo u Buffon. Il-flokk iffirmat minn Eder ġie assenjat.
 
Antvin Monseigneur appella lill-Maltin sabiex jibqgħu jkunu ġenerużi u dawk li jixtiequ jagħmlu donazzjoni jistgħu jew jikkuntatjaw lil Għaqda Ġurnalisti Sport jew lilu personalment.