Sena 2018 mimlija attivita’ u xogħol għall-Għaqda Ġurnalisti Sports
Għall-Għaqda Ġurnalisti Sport, is-sena 2018 kienet waħda impenjattiva ħafna. Il-Kumitat Eżekuttiv kompla jaħdem fuq ix-xogħol li nbeda fis-snin preċedenti u aktar minn hekk, tnehdew inizjattivi ġodda. Saru laqgħat uffiċjali tal-Kumitat kull xahar, fejn fil-bidu ta’ Ġunju tas-sena l-oħra saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali li fiha ġiet eletta Lorraine Cunningham fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali biex b’hekk inkitbet paġna ġdida fl-Istorja tal-Għaqda bl-ewwel Segretarju u uffiċjal mara. Minbarra dawn il-laqgħat, il-Kumitat iltaqa' formalment ma’ diversi Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet Sportivi biex joffri l-għajnuna tiegħu rigward rappurtaġġ ta’ attivitajiet u biex ukoll jissaħħu r-relazzjonijiet bejn ż-żewġ naħat. Fost dawn il-laqgħat saret ukoll laqgħa uffiċjali man-National Anti Doping Organisation ta’ Malta. S’intendi, fil-bidu ta’ kull sena, l-Għaqda Ġurnalisti Sports tkun impenjata bis-sħiħ biex flimkien ma’ SportMalta, jkunu organizzati l-Għażliet Sportivi Nazzjonali, attività li tkun segwita b’sensiela ta’ żjarat ta’ kortesija tar-rebbieħa għand is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Sport Clifton Grima kif ukoll għand il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia. [...]