Tommy Wallbank u Caden Tanti huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar għal Frar 2025
Tommy Wallbank (Atletika – Long Distance Runner) u Caden Tanti (Futbol) huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Frar. Tommy Wallbank, li għandu 19-il sena, ħa sehem fin-Nofs Maratona waqt l-40 edizzjoni tal-Lifestar Malta Marathon fejn ġie fl-ewwel post fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena, it-tieni atleta raġel u t-tielet fil-klassifika ġenerali. Dan huwa riżultat tad-dedikazzjoni u l-perseveranza li Tommy wera tul is-snin. Lura fis-sena 2021, Tommy kien ġera’ elf (1000) kilometru hekk kif ġera’ kilometru għal kull donazzjoni ta’ €5 b’tifkira tal-ħabiba tiegħu Rebecca Zammit Lupi li kienet ħalliet din id-dinja fl-istess sena wara li ġġieldet il-marda tal-kanċer. Min-naħa l-oħra, Caden Tanti li għandu 16-il sena, huwa l-ewwel plejer żagħżugħ Malti li ffirma kuntratt professjonali ma’ klabb tas-Serje A fl-Italja. Fil-fatt, f’Jannar li għadda ħalla lit-tim ta’ Luxol St. Andrews F.C. sabiex ingħaqad mat-tim ta’ taħt is-sittax-il sena ta’ Genoa u lagħab l-ewwel logħba tiegħu magħhom fi Frar. Madwar [...]