Neil Agius u Tenishia Thornton fost il-protagonisti waqt il-65 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali
Is-Sibt filgħaxija waqt xandira diretta fuq TVMsport+ u l-paġna ta’ Facebook tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, tħabbru r-rebbieħa tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali. Il-65 edizzjoni bdiet bir-Red Carpet ippreżentat minn Joanna Camilleri u l-Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Stephen Azzopardi. Saru diskorsi qosra tal-okkażjoni mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni l-Onor Clifton Grima u l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) Clinton Buhagiar Preżenti wkoll il-mistieden speċjali internazzjonali Esteban Herrault u l-Presidenti Onorarji Fr Hilary Tagliaferro, Charles Camenzuli li huwa wkoll il-President tal-AIPS Europe u Sandro Micallef. Għal darb'oħra tliet ġurnalisti sportivi veterani ġew inklużi fil-Hall of Fame tal-Għaqda Ġurnalisti Sports: l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Kittieba Sports Joe Cutajar, il-mibki Colin Cauchi u Mario Saliba li għadu attiv fil-media sportiva lokali. Din is-serata kienet organizzata mill-Għaqda Ġurnalisti Sports, bl-appoġġ sħiħ tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni. Waqt din is-serata finali li kienet ippreżentata mis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Lorraine Cunningham u Mario Bonnici [...]