Imħabbra l-finalisti tal-65 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali
Kienu evidenti l-mumenti ta’ tensjoni imħallta ma’ dawk ta’ ferħ u sodisfazzjon fost l-atleti lokali u l-uffiċjali sportivi waqt it-tħabbira tal-ħames finalisti tal-kategoriji prinċipali tal-65 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali, li saret nhar it-Tnejn filgħaxija. It-tħabbira tal-finalisti saret fis-Sala taċ-Ċentinarju tal-Malta Football Association u s-semifinalisti kollha ngħataw ċertifikat ta’ tifkira. Din iċ-ċerimonja, li kellha xandira diretta fuq l-istazzjon TVM Sports+ kif ukoll il-midja soċjali, kienet indirizzata minn Clinton Buhagiar u Lorraine Cunningham, President u Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport (GħĠS) rispettivament. Il-65 edizzjoni tal-Għazliet Sportivi Nazzjonali li se ssir nhar is-Sibt l-1 ta’ Marzu se tkun imxandra dirett fuq TVMsport+ u l-midja soċjali tal-GħĠS u se tkun qed tippremja rebbieħa fi tnax-il kategorija apparti li għal darb’oħra se jkunu qed jiġu introdotti membri ġodda fil-Hall of Fame. Bi pjaċir ninnutaw li waqt is-serata finali se jkollna 24 sport differenti rrappreżentat hekk kif għal din l-edizzjoni kellna nominazzjonijiet b’saħħithom minn ħafna [...]