Għada ssir it-62 edizzjoni tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali
Għada (is-Sibt 23 ta’ April) se tkun qed tiġi organizzata u tittella’ t-62 edizzjoni tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali. Fl-aħħar jiem kienet għaddejja ħidma intensiva b’mod konġunt bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports u SportMalta għall-edizzjoni ta’ din is-sena, li għal sena oħra se tkun qed tixxandar diretta fuq TVM News+, b’xandira li tibda fid-20:45. Il-votazzjoni ta’ din is-sena diġà saret hekk kif il-membri tal-ġurija magħżula mill-Għaqda Ġurnalisti Sports tefgħu l-vot tagħhom ilbieraħ u r-riżultat tal-votazzjoni se jkun magħruf fis-serata finali. B’kollox hemm tmien kategoriji standard li huma: Sportiv tas-Sena, Sportiva tas-Sena, Żagħżugħ tas-Sena, Żagħżugħa tas-Sena, Tim Tas-Sena, Uffiċjal tas-Sena, Kowċ tas-Sena, People’s Choice Award u fis-serata finali se jkun qed titħabbar ukoll ir-rebbieħ tal-Attività Internazzjonali tas-Sena li huwa rikonoxximent speċjali speċifikament mogħti mill-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports lil dik l-assoċjazzjoni jew federazzjoni li tkun organizzat avveniment internazzjonali ta’ ċertu livell f’pajjiżna. Il-finalisti kollha jinsabu fuq il-paġna ta’ Facebook Malta Sports Journalists Association [...]