SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali: 60 sena ta’ storja u impenn lejn l-isport Malti
Fit-22 ta’ Frar SportMalta u l-Għaqda Ġurnalisti Sports se jkunu qed jorganizzaw flimkien edizzjoni oħra tal-Isportivi Nazzjonali. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun waħda speċjali hekk kif se tkun is-60 edizzjoni mill-ewwel edizzjoni imnhedija mill-mibki ġurnalist tal-isport Benny Pace li kien organizza fuq bażi individwali permezz tal-ġurnal The Sporting Star bl-ewwel edizzjoni tal-Isportiv tas-Sena tkun dik tal-1960. Dakinhar ir-rebbieħ kien Wilfred Pirotta li kien jipprattika l-isport tal-ispearfishing (sajd taħt wiċċ il-baħar bin-nifs). Benny Pace baqa’ jorganizza b’suċċess dan il-konkors li kellu format ferm differenti min kif nafuh illum sal-edizzjoni tal-1977 fejn fl-aħħar seba’ snin bejn l-1970 u l-1977 kienu jsiru żewġ għażliet fi żmien ġimgħa. Dan seħħ wara li fl-1970 saret l-ewwel edizzjoni tal-Għaqda Kittieba Sports. Fl-ewwel erba’ edizzjonijiet (1960,1961, 1962 u 1963) Pace kien jippremja biss lill-Isportiv tas-sena u kien biss fil-ħames edizzjoni tal-1964 li introduċa l-unur tal-iSportiva tas-sena dakinhar mirbuħ minn Joan Galea Naudi li kienet ġejja mid-dixxiplina [...]