Magħrufa r-rebbieħa tat-63 edizzjoni tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali
Is-Sibt filgħaxija waqt xandira diretta fuq TVMSport+ u l-paġna ta’ Facebook tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, tħabbru r-rebbieħa tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali. It-63 edizzjoni rat lura l-finalisti u l-mistednin tagħhom flimkien ma’ mistednin distinti, bħala udjenza waqt is-serata finali. Din l-attività bdiet bir-Red Carpet ippreżentat mis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Lorraine Cunningham u l-atleta minn Special Olympics Gilmour Borg. Saru diskorsi qosra tal-okkażjoni mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni l-Onor Clifton Grima, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, iċ-Chairma ta' SportMalta Profs. Andrew Decelis u l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef. Preżenti wkoll il-mistiedna speċjali l-eks atleta Maltija Tanya Blake, il-President tal-Għaqda tal-Ġurnalisti Sportivi tal-Ungerija u l-Viċi President tal-AIPS Europe Gyorgy Szollosi, is-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda tal-Ġurnalisti Sportivi taċ-Ċipru Mikaelo Papadakis, il-President tal-AIPS Europe Charles Camenzuli, il-President tal-USSI (Unione Stampa Sportiva Italiana) Gianfranco Coppola. Għal sena oħra din is-serata kienet organizzata b’mod konġunt mill-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ SportMalta [...]