Jake Castaldi jirċievi t-tielet TGS Malta Fair Play Award għas-sena 2022
|
|
Il-Malta Fair Play Movement ħabbar is-seba' TGS Malta Fair Play Award, b’kolaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Together Gaming Solutions. Il-panel li jiġġudika dan il-premju huwa magħmul minn Charles Camenzuli, Adele Muscat, Pierre Cassar, Kevin Joseph Azzopardi and Sandro Micallef. Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għal mod altruwistiku f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le. It-tielet unur għas-sena 2022, li jkopri l-perjodu bejn Lulju u Settembru ngħata lil Jake Castaldi. Il-plejer tal-blackball pool li għandu 12-il sena ammetta li kkommetta foul, bir-referi u dawk preżenti li ma ndunawx b'dan kollu. Castaldi tilef il-frame deċiżiv li eventwalment wassal biex it-tim tiegħu Ħamrun 147 C jitlef il-finali tar-Regional Knockout li ntlagħbet fit-28/9/22, kontra Birkirkara Dukes A. Madanakollu Castaldi rċieva l-applaws mill-pubbliku preżenti wara dan il-ġest sportiv. 'L-Onestà hija valur imperattiv f’kull sport kompetittiv u ta’ min ifaħħar lil Jake, li ta’ età daqshekk żgħira qed iwassal dan il-messaġġ bl-aktar mod ċar u b’saħħtu. Aħna nħossuna kburin li qed nappoġġjaw din l-inizzjattiva, billi nippremjaw lil Jake għal dan il-ġest li jistħoqqlu kull tifħir.' qal Benjamin Delsinger Direttur Maniġerjali ta’ Together Gaming Solutions. Il-preżentazzjoni tat-TGS Malta Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, fil-preżenza ta’ Andrea Critien mid-Dipartiment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani, u Benjamin Delsinger Direttur Maniġerjali ta’ Together Gaming Solutions. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement flimkien ma' Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġuranlisti Sports. Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat. Ritratt: Benjamin Delsinger Direttur Maniġerjali ta’ Together Gaming Solutions jippreżenta t-trofew tat-TGS Malta Fair Play Award għal Lulju-Settembru 2022 lil Jake Castaldi flimkien ma' Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Charles Camenzuli Chairperson Malta Fair Play Movement.
|