Lijana Sultana tirbaħ l-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Settembru
| |
Lijana Sultana ngħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Settembru. Il-plejer Maltija tal-isquash kisbet riżultat mill-aqwa meta fl-Awstralja rebħet il-Kampjonati Nazzjonali Awstraljani tat-tfajliet ta' taħt is-17-il sena. L-Australian Junior Championships huwa l-ogħla avveniment fejn jidħlu kompetizzjonijiet nazzjonali għaż-żgħażagħ fl-Awstralja. Madwar 200 atleta minn diversi stati u territorji minn madwar l-Awstralja kollha, ħadu sehem fil-kategoriji tal-etajiet rispettivi tagħhom. Sabiex waslet f'Perth, fil-Punent tal-Awstralja, fejn ġew organizzati dawn il-kampjonati, Lijana kellha tieħu titjira interna ta' 6 sigħat minn Brisbane (fejn hija allokata), li jiġi fuq ix-xaqliba l-oħra tal-Awstralja. Għal Sultana dan huwa t-tieni titlu maġġuri minn kemm ilha qiegħda l-Awstralja Jannar li għadda, fejn qed tkompli titħarreġ fil-Bradley Hindle Art of Squash Academy. F'April rebħet l-Australian Junior Open, avveniment ieħor platinum fil-kalendarju tal-isquash fl-Awstralja.
|