Matthew Galea Soler jirbaħ l-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju
|
|
Matthew Galea Soler ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju. Malta permezz ta’ Matthew Galea Soler rebħet l-ewwel midalja fl-Istorja fil-European Youth Olympic Festival. Galea Soler daħal fit-tielet post u rebaħ il-midalja tal-bronż fil-finali tal-400 metru u għamel ukoll l-aqwa ħin personali ta’ 48.84 sekonda. Dan il-ħin huwa wkoll rekord nazzjonali fil-kategoriji ta’ taħt it-18-il sena, ta’ taħt l-20 sena u ta’ taħt it-23 sena. Il-European Youth Olympic Festival, li jsir għall-atleti Ewropej ta’ bejn l-14 u t-18-il sena, din is-sena sar f’Banska Bystrika, fir-Repubblika Ċeka. It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju 2022 kif ukoll il-vawċer ta’ abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Matthew Galea Soler minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet irrappreżentata mill-President Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi. Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena. In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: Mix xellug: Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, Matthew Galea Soler, Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance u Sandro Micallef President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.
|