Mireya Cassar tirċievi t-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżuha tax-Xahar għal April 2022
|
|
Atlas Insurance ħejjew preżentazzjoni għal Mireya Cassar (Hammer Throw) li rebħet l-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal April 2022. Minħabba li bħalissa Cassar qed titħarreġ b'mod professjonali fil-Ġermanja, Atlas Insurance flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sports kellhom jistennew il-wasla tagħha f’Malta, sabiex tirrappreżenta lill-pajjiżna fil-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Il-preżentazzjoni uffiċjali ta’ dan it-trofew u l-vawċer ta’ abiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ingħataw lil Mireya Cassar minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta' Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Sandro Micallef. Dan il-premju ta' kull xahar jingħata b'inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma' Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta' dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena. Ir-rebbieħa ta’ kull xahar huma eliġibli għall-premju annwali. In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com. Ritratt: Mix xellug: Sandro Micallef President (MSJA), Mireya Cassar u Robert Micallef, Chief Commercial Officer (Atlas Insurance)
|