L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) tilqa' b'sodisfazzjon l-aħħar komunikazzjoni mill-Malta Football Association (MFA) rigward il-manutenzjoni li ġiet imwiegħda li se ssir fil-Press Boxes tat-tielet sular tal-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali.
L-Għaqda Ġurnalisti Sports tfakkar li din id-deċiżjoni tal-MFA li tibda dawn ix-xogħlijiet waslet wara pressjoni li saret mill-Għaqda Ġurnalisti Sports, fejn kienet kitbet lis-Segretarju Ġenerali tal-MFA biex tiġbed l-attenzjoni dwar dan kollu iktar minn xahrejn ilu. Din id-deċiżjoni tal-MFA ittieħdet ilbieraħ wara li l-ġurnalisti li kienu xogħol fi tmiem il-ġimgħa, reġgħu esperjenzaw l-ilma dieħel minn kullimkien fit-tielet sular tal-istadium, inkluż ilma tax-xita jmiss ma' apparat elettroniku viċin tagħhom. Dawn reġgħu rrapportaw immedjatament lill-GħĠS.
Filwaqt li l-Għaqda Ġurnalisti Sports tapprezza l-intervent li se jsir biex tibda l-manutenzjoni neċessarja, l-Għaqda Ġurnalisti Sports xorta ma taqbilx li se jitħallew il-camerapersons jaċċessaw il-kmamar tat-tielet sular biex jiġbdu l-logħbiet. Għalkemm l-ikbar ammont ta’ ilma tax-xita qed jidħol mill-media boxes li jinsabu fuq ix-xellug u l-lemin tal-media area, il-post minn fejn is-soltu jinġibdu l-filmati (fin-nofs) mhu sigur xejn, hekk kif anke hemm jeżisti riskju li jidħol l-ilma mis-saqaf f'dawk il-kmamar li fihom ikun hemm is-soltu ammont kbir ta' wires u apparat ieħor elettroniku. Il-camerapersons huma ħaddiema daqs il-ġurnalisti u l-MFA trid tassigura li dawn ma jkunux esposti għall-ebda riskju waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
Apparti minn hekk il-post alternattiv offrut, jiġifieri dak fit-tieni sular, mhuwiex anqas post tajjeb sabiex il-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom speċjalment f'temp simili bħal dak ta’ tmiem il-ġimgħa. Fit-tieni sular ma hemm l-ebda kmamar fejn wieħed jista jipproteġi l-apparat elettroniku tiegħu bħal laptops u apparat ieħor f'każ ta' riħ fejn ix-xita tidħol ukoll f'dik iż-żona u għalhekk l-Għaqda Ġurnalisti Sports qed titlob post alternattiv.
Min-naħa tagħha l-Għaqda Ġurnalisti Sports permezz tas-Segretarju Ġenerali, ħadet ħsieb biex ilbieraħ stess kitbet lis-Segretarju Ġenerali tal-MFA fuq dan kollu.