Sandro Micallef irriżenja mill-kariga ta' President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport (GħĠS) għal raġunijiet personali u professjonali. Dan tħabbar waqt il-Laqgħa Annwali Ġenerali 2024 li saret il-Ħamis filgħaxija.
Micallef kien ilu jokkupa l-kariga ta' President tal-GħĠS għal dawn l-aħħar 7 snin u t-tieni terminu tiegħu kien se jiġi fi tmiemu f'Awwissu tal-2025. Għaldaqstant, fl-aħjar interess tal-GħĠS hu ddeċieda li r-riżenja tiegħu tkun waħda immedjata. Huwa kien ġie elett bħala President waqt il-Laqgħa Ġenerali li kienet saret fl-10 ta' Lulju 2017 u kien ġie kkonfermat fil-Laqgħa Annwali Ġenerali li kienet saret fis-6 ta' Ottubru 2021.
Il-kariga ta' Micallef bħala President waslet wara li kien jokkupa l-kariga ta' Segretarju Ġenerali u membru fl-Eżekuttiv fil-bidu tal-karriera tiegħu fil-ġurnaliżmu sportiv. Sandro Micallef dan l-aħħar ukoll temm l-impjieg li kellu mal-PBS bħala ġurnalist sportiv ma' TVMsport.
Intant waqt il-Laqgħa Annwali Ġenerali 2024, il-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sport approvaw il-ħatra ta' Clinton Buhagiar bħala President ad interim sal-Laqgħa Annwali Ġenerali tal-2025 li se tkun waħda elettiva għall-Kumitat Eżekuttiv ġdid.
Buhagiar, ilu għal żmien twil membru tal-Assoċjazzjoni u jgawdi r-rispett tal-bqija tal-membri kollha, fejn ilu għal bosta snin fil-Kumitat Eżekuttiv u fil-kariga ta' Viċi President, spalla ma' spalla mal-President uxxenti Sandro Micallef, matul dawn l-aħħar 7 snin.
Waqt il-Laqgħa Annwali Ġenerali Buhagiar stqarr li se jkompli bl-impenn tiegħu lejn l-Għaqda Ġurnalisti Sport fil-ħidma tagħha biex tippromwovi l-ġurnaliżmu sportiv f'Malta. Huwa qal ukoll li se jkompli fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħu u se jaħdem flimkien mal-Kumitat Eżekuttiv u l-membri tal-GħĠS sabiex imexxi 'l quddiem inizzjattivi ġodda u jagħti s-sapport meħtieġ lil dawk li jaħdmu fil-qasam tal-media sportiva u li jgħin lill-Assoċjazzjonijiet Sportivi sabiex ikollhom garanzija ta' viżibilità fuq il-mezzi tax-xandir, irrispettivament mill-popolarità tal-isport.
Clinton Buhagiar qal, "Jiena ninsab onorat li ġejt fdat b'dan l-irwol fi żmien tant importanti għall-Għaqda Ġurnalisti Sport. Se nkun qed inħares 'il quddiem sabiex naħdem mill-qrib mal-membri u nsaħħaħ il-leħen tal-ġurnaliżmu sportiv f'Malta."
Fl-indirizz tiegħu fl-għeluq tal-Laqgħa Annwali Ġenerali tal-lum, Sandro Micallef qal li jinsab ferm kunfidenti li Clinton Buhagiar se jmexxi tajjeb lill-Assoċjazzjoni sakemm jinħatar suċċessur permanenti fil-Laqgħa Annwali Ġenerali tas-sena d-dieħla u l-elezzjoni li ġġib magħha. "Clinton iġorr snin twal ta' esperjenza u passjoni lejn l-Għaqda Ġurnalisti Sport li hi tant għal qalbna u ninsab ċert li se jservi l-kariga ta' President ad interim b'unur kbir u responsabbiltà," żied jgħid Sandro Micallef.
Ikkonkluda billi qal, "Jiena ninsab konvint li bit-tmexxija ta' Clinton Buhagiar flimkien mas-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u Stephen Azzopardi bħala Amministratur fost l-oħrajn, l-Għaqda Ġurnalisti Sport se tibda kapitlu ġdid sabiex tkompli tikber u tirnexxi."
L-Għaqda Ġurnalisti Sport se tibqa' obbligata li tħares l-interessi professjonali tal-membri tagħħa u tgħin sabiex itejjeb il-kwalità tar-rappurtaġġ sportiv f'pajjiżna.