Il-kumitat eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports bi pjaċir jikkonferma li għall-edizzjoni ta' din is-sena ta' Sportmalta Awards L-Għażliet Sportivi Nazzjonali, se jkunu mistiedna personalitajiet distinti mill-qasam tal-isport internazzjonali u anke min-naħa tal-midja internazzjonali.
Il-mistiedna prinċipali se tkun l-eks atleta Maltija Tanya Blake li fil-passat rebħet tliet midalji tad-deheb fil-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar għal Malta fl-2003 u rrappreżentat ukoll lil Malta fl-Olimpjadi ta' Ateni, fl-2004.
Mistiedna distinti oħra jinkludu kollegi ġurnalisti magħrufa, fosthom il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Sportivi tal-Ungerija, Gyorgy Szollosi li kif ukoll jokkupa l-kariga ta' Viċi President tal-AIPS. Kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Sportivi ta' Ċipru Mikaelo Papadakis. Magħhom se jingħaqad ukoll għal din is-sena mistieden li kemm-il darba attenda għal dawn l-iSportMalta Awards L-Għażliet Sportivi Nazzjonali, s-Sur Gianfranco Coppola, li jokkupa l-kariga ta' President tal-USSI (Unione Stampa Sportiva Italiana) li hija ekwivalenti għall-assoċjazzjoni tal-ġurnalisti tal-isport tal-territorju kollu Taljan.
It-63 edizzjoni tal-iSportMalta Awards L-Għażliet Sportivi Nazzjonali se tittella’ nhar is-Sibt li ġej mit-tmienja ta' filgħaxija, b’xandira diretta fuq TVM Sport+, kif ukoll fuq il-mezzi soċjali kollha, fosthom fuq il-paġna ta' Facebook Malta Sports Journalists Association u anki fuq il-paġna ta' Facebook ta' TVM Sport.