Special Olympics Malta jirċievu t-tieni TGS Malta Fair Play Award għas-sena 2022
|
|
Il-Malta Fair Play Movement ħabbar is-sitt TGS Malta Fair Play Award, b’kolaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Together Gaming Solutions. Il-panel li jiġġudika dan il-premju huwa magħmul minn Charles Camenzuli, Adele Muscat, Pierre Cassar, Kevin Joseph Azzopardi and Sandro Micallef. Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għal mod altruwistiku f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le. It-tieni unur għas-sena 2022, li jkopri l-perjodu bejn April u Ġunju ngħata lil Special Olympics Malta. Il-kontinġent Malti, magħmul minn aktar minn 400 atleta f’sitt dixxiplini differenti, ħa sehem fl-iSpecial Olympics Invitational Games li saru f’Malta, b’total impressjonanti ta’ 65 midalja tad-deheb, 60 fidda and 67 bronz. Aparti mill-impenn tal-atleti, kienet tinħass evidenti l-atmosfera ta’ ħbiberija u fair play bl-inklusività mal-atleti l-oħra li kienu ġejjin minn 23 pajjiż differenti, waqt il-logħbiet kollha. 'Ninsabu sinċerament onorati li nippreżentaw dan l-unur lil Special Olympics Malta, li huwa premju żgħir imqabbel mad-dedikazzjoni, ir-rieda u d-determinazzjoni ta’ dawk kollha nvoluti f’dan il-proġett li jnissel ferħ u kuraġġ permezz tal-parteċipazzjoni ta’ ħafna ndividwi fl-isport. Prosit kbira lill-atleti kollha li għamlu lilna l-Maltin tant kburin bihom għall-parteċipazzjoni u s-suċċessi miksuba.' qal Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions. Il-preżentazzjoni tat-TGS Malta Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, fil-preżenza ta’ Andrea Critien mid-Dipartiment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani, u Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement. Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.
Ritratt: Edward Licari (Direttur ta' Together Gaming Solutions) jippreżenta t-trofew tat-TGS Malta Fair Play Award għal April-Ġunju 2022 lil Gilmour Borg Ambaxxatur ta' Special Olympics Malta, flimkien ma' Anna Calleja (Direttur Ġenerali ta' Special Olympics Malta) u Charles Camenzuli (Chairperson Malta Fair Play Movement).
|